Mario Grech – Il-Giri – Sodisfazzjon u Xewqat

Il-ġurnata tibda kmieni għal Mario Grech. Ta’ kuljum qabel ix-xogħol jiġri ġirja ta’ bejn 10 u 15-il kilometru. Din iżda ma tkunx l-unika sessjoni  tal-ġurnata għax filgħaxija  ikollu sessjoni oħra, u ħafna drabi ta’ filgħaxija tkun aktar intensa minn ta’ filgħodu.

It-taħriġ ivarja. F’ċerti ġranet jiġri sagħtejn bla waqfien. F’oħrajn jagħmel sprints qosra. Xi drabi jkollu anke għawm jew rota. L-iskeda tat-taħriġ tiġi ppreparata mill-coach tiegħu Jesmond Bonnici u Mario jimxi magħha bl-eżatt. B’kollox jiġri madwar 110 kilometru fil-ġimgħa.

Mario, li huwa suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta,  għandu 36 sena u  ilu jiġri madwar għaxar snin. Kienu l-aħħar 5 pero` li fihom tejjeb il-ħinijiet b’mod sostanzjali. Minn 34 minuta fl-10,000m irnexxielu jniżżel il-ħin għal taħt it-32:30. Iżda huwa fid-distanzi itwal li jħoss li għandu l-aktar potenzjal. Ġera n-nofs maratona f’siegħa u 12-il minuta u jħoss li għandu fejn itejjeb il-ħinijiet. Din is-sena ser jiġri wkoll il-maratona. Għalkemm il-maratona hija popolari fost il-Maltin ftit huma l-atleti  li jirnexxielhom jiġru ħinijiet tajbin fuq din id-distanza peress li tirrikjedi ħafna preparazzjoni.

L-aħjar ħinijiet ġeneralment jiġrihom barra minn Malta peress li huwa iktar faċli li jsib nies li jiġru ħinijiet veloċi li jista’ jżomm magħhom. Ħafna drabi ħawn Malta it-tlielaq jintrebħu dejjem mill-istess 3 jew 4 min-nies u ġieli l-atleti jispiċċaw jiġru quddiem waħedhom. Il-kompetizzjoni barra minn Malta hija ikbar u l-ħinijiet li jinġrew huma aħjar.

Għalkemm iħoss li l-ammont ta’ nies li jipprattikaw dan l-isport f’Malta mhux kbir, jidher li f’dawn l-aħħar ftit snin l-interess żdied. Dan jgħin biex jinġiebu aktar sponsors u jissaħħaħ l-isport in ġenerali.

Il-ġiri lil Mario jagħtih ħafna sodisfazzjoni, iżommu fiżikament f’saħħtu u jżommlu ċertu sens ta’ rutina. Ix-xewqa tiegħu ’il quddiem hija li jagħmel record nazzjonali fil-maratona.